Il-Fondazzjoni b’attività sportiva bħala alternattiva għall-vizzju tal-logħob

Għal 11-il sena konsekuttiva z-Zuntier tar-Rabat, Malta, reġa’ kien xhud għal attività sabiħa bit-titlu ‘’Logħob għal Kulħadd’’. Attività maqsuma fuq ġimgħa li rat timijiet ta’ tfal u żgħażagħ jikkompetu bejniethom f’atmosfera kompetittiva, sportiva u sajfija. Dan kollu grazzi għall-organizzazzjoni b’saħħitha tal-Kumitat Organizzattiv Żgħażagħ Rabtin Pawlini, bis-sehem tal-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli u tas-Segretarjat Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Is-Segretarju Parlamentari l-Onorevoli Silvio Schembri attenda għal din l-attività fejn sostna li kien impressjonat ħafna bl-entużjażmu ta’ dawn iż-żgħażagħ fl-organizzazzjoni t’attività sportiva fis-sajf immirata għal tfal u żgħażagħ. Huwa qal li attivitajiet bħal dawn jimpenjaw liż-żgħażagħ b’ mod fiżiku u permezz t’hekk dawn jibqgħu ‘l bogħod minn vizzji bħal dak tal-logħob. Filwaqt li rringrazzja lill grupp taż-Żgħażagħ Rabtin Pawlini u l-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli, is-Segretarju Parlamentari temm jgħid li “lkoll għandna nkunu minn ta’ quddiem biex ninkoraġġixxu l-attiviżmu u l-volontarjat imprezzabbli fil-lokalitajiet tagħna”. Il-Ġeneral Maniġer tal-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli Priscilla Muscat tkellmet dwar l-importanza ta’ għarfien dwar logħob responsabbli u għamlet referenza wkoll għall-Kampanja Edukattiva fost l-istudenti primarji tar-raba’ sena, fejn ħaddiema mill-Fondazzjoni jżuru l-iskejjel biex tintlaqa’ l-problema ta’ logħob patoloġiku minn età tenera. Vizzju li jġorr miegħu konsegwenzi negattivi fuq il-persuna. Is-Sinjura Muscat għamlet referenza wkoll għas-servizz telefoniku tal-Fondazzjoni 1777, fejn persuni li jbatu mill-vizzju jew inkella qraba ta’ dawn il-persuni jistgħu jċemplu b’mod anonimu u jsibu l-għajnuna kollha adegwata mill-istaff imħarreġ tal-Fondazzjoni. Iċ-Ċermen tal-Kumitat Żgħażagħ Rabtin Pawlini Henry Debattista, il-Viċi Ċermen Adriano Farrugia u s-Segretarju Norbert Inguanez irringrazzjaw ukoll lil kull min ipparteċipa bi ħġaru għal dawn is-serati. Kemm lit-timijiet ta’ plejers u kif ukoll lill-udjenza li ta’ kull logħba missielta fi spirtu sportiv attendiet bis-sħiħ.

MENU

ABOUT

info@rgf.org.mt

Tel: 21499030/1

90/91, Second Floor, Psaila Street, Birkirkara, BKR9073

LINKS

SOCIAL

  • White YouTube Icon
  • White Facebook Icon
  • White Twitter Icon

© 2019 Responsible Gaming Foundation. Proudly Designed by